L-EES tapplika għalik jekk m'intix ċittadin tal-UE u qed tivvjaġġa għal soġġorn qasir f’pajjiż Ewropew li juża l-EES u li jew:
- għandek viża għal soġġorn qasir; jew
- m’għandekx bżonn viża biex tibqa’ għal massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
Se jinġabru d-data tad-dokument tal-ivvjaġġar tiegħek u data personali oħra, kif ukoll id-dati tad-dħul u tal-ħruġ tiegħek, u se jiġu rreġistrati elettronikament fis-sistema. Din il-proċedura se tiffaċilita l-qsim tal-fruntiera tiegħek.
Jekk taqbeż il-perjodu permess fil-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES, is-sistema se tidentifikak u se tirreġistra din l-informazzjoni.
F’każ li l-awtoritajiet jirrifjutaw id-dħul tiegħek, is-sistema se tirreġistra wkoll din l-informazzjoni.
Il-perjodu ta’ 90 jum fi kwalunkwe 180 jum huwa kkalkulat bħala perjodu uniku għall-pajjiżi Ewropej kollha li jużaw l-EES.
- Timmodernizza l-ġestjoni tal-fruntieri fil-pajjiżi Ewropej kollha li jużaw is-sistema; billi tirreġistra elettronikament id-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini mhux tal-UE, jew ir-rifjuti ta’ dħul;
- Tagħmel il-kontrolli fil-fruntieri aktar effiċjenti, filwaqt li gradwalment ittejjeb l-esperjenza għall-vjaġġaturi;
- Tiġġieled b’mod effettiv il-frodi tal-identità billi tiġbor data bijometrika;
- Ittejjeb is-sigurtà fi ħdan l-UE;
- Tgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata serja billi taġixxi bħala għodda ta’ verifika tal-identità.
Għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini mhux tal-UE, l-EES:
- Tipprovdi informazzjoni preċiża dwar it-tul massimu tas-soġġorni awtorizzati tagħhom fit-territorju tal-pajjiżi Ewropej kollha li jużaw l-EES;
- Tissostitwixxi l-ħtieġa li jiġi ttimbrat il-passaport (sakemm ma japplikawx eċċezzjonijiet);
- Gradwalment tnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija fil-kjuwijiet tal-kontroll tal-passaport billi tintroduċi kontrolli awtomatizzati fil-fruntieri (fejn disponibbli u taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali tal-kontroll tal-passaport).
L-EES tagħmilha wkoll aktar faċli biex jiġu identifikati n-nies:
- Li qagħdu għal aktar milli permess (persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn);
- Li qed jużaw identitajiet jew passaporti foloz;
- Li m’għandhom ebda dritt jidħlu fil-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES.
B’riżultat ta’ dan, l-EES tappoġġja l-identifikazzjoni ta’ terroristi, kriminali, suspettati u vittmi ta’ reati.
L-EES se taħżen identifikaturi bijometriċi differenti skont jekk għandekx bżonn viża għal soġġorn qasir jew le.
- Għandek bżonn viża għal soġġorn qasir biex tivvjaġġa lejn il-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES?
F’dan il-każ, is-sistema taħżen biss l-immaġni ta’ wiċċek (il-marki tas-swaba’ tiegħek kienu diġà rreġistrati meta applikajt għal viża).
- M’għandekx bżonn viża?
F’dan il-każ, is-sistema taħżen 4 mill-marki tas-swaba’ tiegħek u l-immaġni ta’ wiċċek.
Bħalissa, il-marki tas-swaba’ ta’ tfal taħt it-12-il sena mhumiex skennjati, anke jekk ikunu soġġetti għall-EES.
Il-bijometrika hija metodu affidabbli ta’:
- identifikazzjoni preċiża tal-persuni – li tnaqqas b'mod sinifikanti il-każijiet ta’ identità żbaljata, diskriminazzjoni jew tfassil ta’ profili razzjali
- identifikazzjoni ta’ vjaġġaturi mingħajr dokumenti diġà preżenti fit-territorju taż-Żona Schengen (migranti irregolari)
- tqabbil tad-data tad-dħul u tal-ħruġ għal vjaġġaturi “bona fide”.
Il-bijometrika tista’ żżid is-sigurtà fil-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES billi:
- tipprevjeni lit-tfal milli jgħibu jew milli jsiru vittmi tat-traffikar
- tnaqqas ir-riskju li jinżammu l-persuni jew jiġu arrestati b’mod illeċitu
- tgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu.
Għalkemm il-ġbir tal-bijometrika jista’ jkollu impatt fuq il-privatezza tal-vjaġġaturi, it-teknoloġija użata fl-EES tiżgura li d-drittijiet fundamentali tan-nies jiġu protetti.
Il-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES jistgħu jiddeċiedu li jkomplu jawtomatizzaw il-proċessi tagħhom. L-awtomatizzazzjoni tfisser li ċ-ċittadini mhux tal-UE jistgħu jibbenefikaw minn tagħmir iddedikat – “sistema self-service”. Jekk disponibbli fil-qsim tal-fruntiera, is-sistema self-service tippermettilek:
- tirreġistra meta taqsam il-fruntiera
- tiċċekkja jekk id-data tiegħek għadhiex irreġistrata fl-EES u, jekk ma hemm l-ebda data preżenti
- tapplowdjaha għal verifika sussegwenti minn uffiċjal tal-kontroll tal-passaport.
Wara li tuża s-sistema self-service, tista’ tmur f’korsija tal-kontroll fuq il-fruntiera fejn l-uffiċjal tal-kontroll tal-passaport ikun diġà rċieva:
- informazzjoni mis-sistema self-service (inklużi l-kontrolli ma’ bażijiet tad-data oħra)
- konferma tal-identità tiegħek
- it-tul ta’ żmien li fadal taż-żjara tiegħek
L-uffiċjal tal-kontroll tal-passaporti mbagħad jista’ jistaqsi aktar mistoqsijiet qabel ma jiddeċiedi li jagħtik jew jirrifjutalek l-aċċess għat-territorju rispettiv.
Il-proċessi awtomatizzati tal-fruntieri, qabel ma jaslu għand l-uffiċjal tal-kontroll tal-passaporti, se jgħinu biex gradwalment jitnaqqsu l-kjuwijiet. L-awtomatizzazzjoni tieħu post il-kontrolli manwali li jieħdu ħafna ħin.
Irid ikollok passaport bijometriku - passaport li jkun fih ċippa bl-informazzjoni bijometrika tiegħek li tkun inġabret mingħandek fil-mument li applikajt għall-passaport.
Jekk m’għandekx passaport bijometriku, ma tkunx tista’ tuża sistemi self-service.
Le. Fil-prinċipju, kemm il-passaporti bijometriċi kif ukoll dawk mhux bijometriċi se jiġu aċċettati meta taqsam il-fruntieri, jekk ikunu validi u tkun issodisfajt il-kundizzjonijiet l-oħra kollha tad-dħul.
Għandek bżonn biss passaport bijometriku jekk tixtieq tuża modi awtomatizzati biex taqsam il-fruntieri (“sistemi self-service”), li huma disponibbli f’ċerti punti ta’ qsim tal-fruntiera.
Il-pajjiżi tal-UE ġeneralment jaċċettaw il-biċċa l-kbira tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, inklużi l-passaporti mhux bijometriċi.
Le. Id-dħul tiegħek, fil-prinċipju, mhux se jiġi rrifjutat abbażi ta’ din ir-raġuni, peress li huma aċċettati kemm passaporti bijometriċi kif ukoll mhux bijometriċi validi għall-ivvjaġġar fil-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES.
Il-biċċa l-kbira tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, inklużi l-passaporti mhux bijometriċi huma aċċettati mill-Istati Membri.
Il-membri tal-familja jinkludu:
- konjuġi, inkluż konjuġi tal-istess sess kif iċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fis-sentenza Coman tagħha C-673/16;
- sieħeb/sieħba rreġistrat(a), jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli tittratta s-sħubijiet reġistrati bħala ekwivalenti għaż-żwieġ;
- dixxendenti diretti li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti, u dawk tal-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba rreġistrat(a),
- qraba diretti dipendenti fil-linja axxendenti, kif ukoll dawk tal-konjuġi jew tas-sieħeb/sieħba rreġistrat(a).
Ir-regoli ġenerali dwar iż-żamma tad-data tal-EES (ara t-taqsima dwar iż-żamma tad-data) u l-kalkolatur awtomatizzat mhux se japplikaw għalik jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
1. Inti membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2004/38/KE tapplika għalik, jew għal membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja jew tal-Iżvizzera li jgawdi d-dritt tal-moviment liberu ekwivalenti għal dak taċ-ċittadini tal-UE.
Importanti: dan jikkonċerna biss lill-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-pajjiżi msemmija hawn fuq li jivvjaġġaw f’pajjiż li mhuwiex dak tan-nazzjonalità tagħhom jew għandhom ir-residenza fih.
2. Int m’għandekx karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta’ residenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002.
Eżempju 1
Int ċittadin Amerikan, li tgħix fil-Belt ta’ New York. Għandek 17-il sena u int iben ċittadin Ġermaniż. Tixtieq iżżur lil missierek, li ma jgħixx fil-Ġermanja, iżda fi Spanja.
F’dan il-każ, inti tkun irreġistrat fl-EES bħala membru tal-familja. Ir-regoli mnaqqsa dwar iż-żamma tad-data se japplikaw għalik, iżda mhux se japplika l-kalkolatur awtomatizzat.
Eżempju 2
Int ċittadin(a) Amerikan(a), li tgħix fil-Belt ta’ New York. Inti miżżewweġ/miżżewġa ċittadin(a) Franċiż(a), u tixtieq iżżuru/iżżurha fi Franza, fejn jgħix/tgħix.
F’dan il-każ, inti tkun irreġistrat(a) fl-EES bħala vjaġġatur regolari u mhux bħala membru tal-familja. Ir-regoli ġenerali dwar iż-żamma tad-data u l-kalkolatur awtomatizzat se japplikaw għalik.
Iċ-ċittadini tar-Renju Unit u l-membri tal-familja tagħhom li huma benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ se jkunu eżentati mir-reġistrazzjoni fl-EES biss jekk ikollhom dokument ta’ residenza speċifiku:
a) dokument ta’ residenza validu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ li nħareġ mill-Istat Membru li jkun l-Istat ospitanti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tagħhom;
b) dokument validu tal-ħaddiema tal-fruntiera tal-Ftehim dwar il-Ħruġ li nħareġ mill-Istat Membru li huwa l-Istat tax-xogħol tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tagħhom;
c) dokument ta’ residenza temporanju speċjali validu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ li nħareġ mill-Istat Membru li huwa l-Istat ospitanti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tagħhom; jew
d) ċertu permess ta’ residenza validu.
Il-benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ li ma jkollhom l-ebda wieħed mid-dokumenti ta’ hawn fuq se jiġu rreġistrati fl-EES. Aktar tard jistgħu jitolbu li d-data tagħhom titħassar jew tiġi emendata fis-sistema jekk juru li għandhom xi wieħed mid-dokumenti ta’ hawn fuq.
Tgħallem aktar dwar kif l-EES tapplika għall-Benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Jekk ingħatajt aċċess għal programm nazzjonali ta’ faċilitazzjoni, l-uffiċjali tal-kontroll tal-passaporti fit-territorju rispettiv jaf ma jkollhomx bżonn jivverifikaw:
- Il-punt tat-tluq u tad-destinazzjoni tiegħek
- L-għan tas-soġġorn maħsub tiegħek u d-dokumenti ta’ sostenn korrispondenti, jekk meħtieġ
- Jekk għandekx biżżejjed mezzi ta’ sussistenza għat-tul u l-iskop tas-soġġorn maħsub tiegħek, ir-ritorn tiegħek lejn il-pajjiż ta’ oriġini, jew it-tranżitu lejn pajjiż terz (jew jekk intix f’pożizzjoni li tikseb dawn il-mezzi legalment).
Skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), “limitazzjoni tal-iskop” hija rekwiżit li d-data personali tinġabar għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u ma tiġix ipproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet. L-EES tikkonforma ma’ dan u ma’ prinċipji oħra tal-protezzjoni tad-data, bħal “protezzjoni tad-data mid-disinn u protezzjoni tad-data b’mod awtomatiku”, u r-rekwiżiti tan-neċessità, tal-proporzjonalità, u tal-kwalità tad-data.
Hemm fis-seħħ salvagwardji biex jiżguraw id-drittijiet tal-vjaġġaturi fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali tagħhom. Id-data personali tagħhom tinżamm biss fl-EES sakemm ikun meħtieġ u għall-iskop(ijiet) li għalih(om) tkun inġabret.
Aqra aktar dwar il-bijometrika u d-data li tinżamm fl-EES.
Minbarra l-EES, bħalissa hemm 3 sistemi ta’ informazzjoni ċentralizzati ewlenin li ġew żviluppati mill-UE fir-rigward tal-fruntieri tagħha:
- Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS)
- Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)
- Il-Bażi tad-Data Ewropea Dattiloskopika dwar l-Ażil (EURODAC)
Dawn it-3 sistemi huma komplementari, u - bl-eċċezzjoni tas-SIS - huma primarjament immirati lejn ċittadini mhux tal-UE. Huma jgħinu wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu.
Huwa mistenni li r-raba’sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata - is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) – se titnieda ftit wara l-EES u se tikkonċerna ċ-ċittadini mhux tal-UE li huma eżentati mill-viża. B’differenza mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (li fiha informazzjoni relatata mal-viżi ta’ Schengen), l-ETIAS se jkun fiha informazzjoni li tittratta l-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar għal ċittadini mhux tal-UE li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn it-30 pajjiż Ewropew li jimplimentaw l-ETIAS.
Is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u s-sistemi msemmija hawn fuq se jkunu parti mill-interoperabbiltà bejn il-qafas tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li se tkompli tgħin biex jiġu identifikati b’mod korrett persuni li d-data tagħhom tinħażen f’dawn is-sistemi tal-IT, u b’hekk tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità.
Skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u l-Artikolu 13.3 tar-Regolament (UE) 2017/2226, qabel ma jitilgħu abbord it-trasportaturi huma obbligati jivverifikaw li:
- iċ-ċittadini mhux tal-UE li jeħtieġu viża għal soġġorn qasir għandhom viża
- l-għadd ta’ daħliet awtorizzati mill-viża tagħhom ma ġiex eżawrit.
Peress li l-ittimbrar tal-passaport mhux se jibqa’ jeżisti ladarba l-EES tkun operattiva, minflok, it-trasportaturi jridu jużaw interface online biex iwettqu dawn il-kontrolli.
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok iċċekkja l-FAQ b’appoġġ għat-trasportaturi.