Jekk tasal f’punt ta’ qsim tal-fruntiera għall-ewwel darba minn meta bdiet l-EES
Se jkollok tipprovdi d-data personali tiegħek. L-uffiċjali tal-kontroll tal-passaport se jiskennjaw il-marki tas-swaba’ tiegħek jew jieħdu ritratt ta’ wiċċek. Din l-informazzjoni se tiġi rreġistrata f’file diġitali.
Il-passaport tiegħek (bijometriku jew mhux bijometriku) mhux se jiġi ttimbrat.
Dan il-proċess jista’ jkun aktar rapidu jekk tirreġistra parti mid-data tiegħek minn qabel. Tista’ tagħmel dan billi tuża:
- it-tagħmir iddedikat (“sistema self-service”), jekk disponibbli fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera tiegħek; u/jew
- applikazzjoni mobbli - jekk tkun disponibbli mill-pajjiż tal-wasla jew tat-tluq.
Fi kwalunkwe każ minn dawn ta’ hawn fuq, inti se tiltaqa’ ma’ uffiċjal tal-kontroll tal-passaport.
- Pubblikazzjonijiet ġenerali
- 13 Settembru 2024
Jekk qsamt il-fruntieri tal-pajjiżi Ewropej li użaw l-EES aktar minn darba minn meta bdiet l-EES
Il-marki tas-swaba’ tiegħek jew ir-ritratt ta’ wiċċek se jkunu diġà rreġistrati fl-EES.
L-uffiċjali tal-kontroll tal-passaport se jivverifikaw biss il-marki tas-swaba’ u r-ritratt tiegħek, li se jieħu inqas ħin. F’każijiet rari, jista’ jkun meħtieġ li terġa’ tinġabar id-data tiegħek u terġa’ tiġi rreġistrata.
Jekk għandek passaport bijometriku, tkun tista’ tidħol aktar malajr billi tuża s-sistema self-service (jekk disponibbli f’dak il-punt ta’ qsim tal-fruntiera). Jekk il-file diġitali tiegħek ikun ħieles minn kwalunkwe impediment għall-ivvjaġġar, normalment ma jkollokx għalfejn tgħaddi quddiem uffiċjal tal-kontroll tal-passaport.
Jekk jogħġbok kun af li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha għad-dħul jew għall-ħruġ jibqgħu validi u l-uffiċjali tal-kontroll tal-passaport jistgħu, fi kwalunkwe ħin, jieħdu miżuri kif meħtieġ, bħall-ġbir mill-ġdid tal-immaġni ta’ wiċċek, eċċ.