Mur għall-kontenut ewlieni
Rekwiżiti ġodda għall-ivvjaġġar lejn l-Ewropa
  • 25 Settembru 2024

Programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni

Iċ-ċittadini mhux tal-UE li jivvjaġġaw ta’ spiss lejn l-Ewropa jistgħu jibbenefikaw minn derogi minn kontrolli bir-reqqa mal-wasla permezz ta’ programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni. Dawn il-programmi se jiffaċilitaw il-qsim tal-fruntieri billi jipprovdu lill-uffiċjali tal-kontroll tal-passaport b’informazzjoni dwar is-soġġorni preċedenti ta’ ċittadin mhux tal-UE fil-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES, u/jew rifjuti ta’ dħul.

Dawn id-derogi huma privileġġi - l-ebda pajjiż Ewropew li juża l-EES mhu obbligat jagħtihom. Huma wkoll speċifiċi għall-pajjiż – deroga f’pajjiż Ewropew wieħed mhijiex valida f’pajjiż Ewropew ieħor sakemm ma jkunx jeżisti ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi.

Jekk tingħata aċċess għal programm nazzjonali ta’ faċilitazzjoni, l-uffiċjali tal-kontroll tal-passaport fit-territorju rispettiv jaf ma jkollhomx bżonn jivverifikaw:

  • il-punt tat-tluq u tad-destinazzjoni tiegħek;
  • l-għan tas-soġġorn maħsub tiegħek u d-dokumenti ta’ sostenn korrispondenti, jekk meħtieġa; kif ukoll
  • jekk għandekx biżżejjed mezzi ta’ sussistenza għat-tul u l-iskop tas-soġġorn maħsub tiegħek, ir-ritorn tiegħek lejn il-pajjiż ta’ oriġini, jew it-tranżitu lejn pajjiż terz (jew jekk intix f’pożizzjoni li tikseb dawn il-mezzi legalment).

Dawn il-programmi ma japplikawx jekk tgawdi d-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni. Skont il-leġiżlazzjoni rilevanti (l-Artikolu 2 (5) tar-Regolament (UE) 2016/399) persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-UE huma:

  • ċittadini tal-UE;
  • ċittadini mhux tal-UE li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE li jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu u
  • ċittadini mhux tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom li, skont ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u dawk il-pajjiżi terzi, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-UE.

Kriterji ta' eliġibbiltà

Biex tkun tista’ tieħu vantaġġ minn programm nazzjonali ta’ faċilitazzjoni, trid:

  • tissodisfa r-rekwiżiti tad-dħul tal-pajjiż li tixtieq tivvjaġġa fih;
  • ikollok dokument tal-ivvjaġġar validu u, fejn applikabbli, viża valida jew permess ta’ residenza validu;
  • tkun tista’ tiġġustifika l-ivvjaġġar frekwenti lejn il-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES;
  • turi evidenza tal-użu legali tiegħek tal-viżi, l-istatus ekonomiku fil-pajjiż ta’ residenza tiegħek, u l-intenzjoni li titlaq mill-pajjiż Ewropew inkwistjoni qabel it-tmiem tas-soġġorn awtorizzat tiegħek; kif ukoll
  • tagħti prova li għandek (jew tista’ tikseb legalment) il-mezzi finanzjarji biex tkopri t-tul kollu tas-soġġorni previsti tiegħek fil-pajjiż Ewropew inkwistjoni.

Tista’ ssir taf jekk intix eliġibbli jew le għal programm nazzjonali ta’ faċilitazzjoni (dan se jkun disponibbli fi stadju aktar tard).

Tul ta’ żmien

Jekk tagħti prova tal-eliġibbiltà, tingħata aċċess għal programm nazzjonali ta’ faċilitazzjoni għal massimu ta’ sena.

It-tiġdid huwa soġġett għal rivalutazzjonijiet annwali tal-eliġibbiltà u huwa validu:

  • għal massimu ta’ 5 snin; jew
  • sakemm jiskadi d-dokument tal-ivvjaġġar tiegħek, il-viża għal dħul multiplu, il-viża għal soġġorn twil, jew il-permess ta’ residenza, skont liema jseħħ l-ewwel.

Revokabbiltà

Jekk isir evidenti li m’għadekx tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-aċċess għall-programm nazzjonali ta’ faċilitazzjoni tiegħek jista’ jiġi revokat.

Konsultazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej

Jekk pajjiż Ewropew responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal programm nazzjonali ta’ faċilitazzjoni jkollu dubji dwar l-informazzjoni li pprovdejt, id-dikjarazzjonijiet tiegħek, jew id-dokumenti ta’ sostenn tiegħek, huwa jista’ jikkonsulta pajjiżi Ewropej oħra qabel ma joħroġ deċiżjoni finali.

Ftehimiet bejn il-pajjiżi Ewropej

Skont ftehimiet internazzjonali, f’ċerti każijiet tista’ tibbenefika minn programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni f’aktar minn pajjiż Ewropew wieħed li juża l-EES. Hawnhekk issib informazzjoni dwar ftehimiet bħal dawn. (Dan se jkun disponibbli fi stadju aktar tard).