Liema data tinġabar mill-EES?
Trid tipprovdi d-data personali tiegħek kull darba li tilħaq il-fruntieri esterni tal-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES.
L-EES tiġbor, tirreġistra u taħżen:
- data elenkata fid-dokument(i) tal-ivvjaġġar tiegħek (eż. l-isem sħiħ, id-data tat-twelid, eċċ.)
- id-data u l-post tad-dħul u l-ħruġ
- l-immaġni tal-wiċċ u marki tas-swaba’ (imsejħa “data bijometrika”)
- jekk ġejtx miċħud id-dħul.
Abbażi tad-data bijometrika li tinġabar, se jinħolqu mudelli bijometriċi u se jinħażnu fis-Servizz kondiviż ta’ Tqabbil Bijometriku (ara n-nota f’qiegħ il-paġna).
Jekk għandek viża għal soġġorn qasir biex tidħol fiż-żona Schengen, il-marki tas-swaba’ tiegħek ikunu diġà nħażnu fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u ma jerġgħux jinħażnu fl-EES.
Skont is-sitwazzjoni partikolari tiegħek, is-sistema tiġbor ukoll l-informazzjoni personali tiegħek minn:
- is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (li fiha informazzjoni personali addizzjonali)
- is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), b’mod partikolari l-istatus tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS tiegħek u, jekk applikabbli, jekk intix membru tal-familja ta’ ċittadin tal-UE.
Dan kollu jsir f’konformità sħiħa mar-regoli u d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data.
Għalfejn tinħażen id-data bijometrika fl-EES?
Id-data tiegħek tinġabar u tiġi pproċessata fl-EES biex:
- issaħħaħ l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni
- tipprevjeni l-immigrazzjoni irregolari
- tiffaċilita l-ġestjoni tal-flussi migratorji
- tidentifika l-vjaġġaturi li m’għandhom ebda dritt li jidħlu jew li qabżu s-soġġorn permess tagħhom
- tidentifika l-vjaġġaturi li jużaw identitajiet jew passaporti foloz
- tgħin fil-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji oħra.
Dan huwa meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2017/2226, speċifikament l-Artikoli 14, 16 sa 19 u 23 tal-Kapitolu II u l-Kapitolu III.
Kif se tiġi infurmat dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek?
Se tingħata informazzjoni bil-miktub dwar l-EES u d-drittijiet relatati tiegħek meta taqsam il-fruntieri esterni tal-pajjiżi Ewropej li jimplimentaw l-EES għal soġġorn qasir (massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum).
Il-kundizzjonijiet għall-ġbir u l-ħżin tad-data personali fl-EES huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2226 li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.
X’jiġri jekk tirrifjuta li l-marki tas-swaba’ tiegħek jiġu skennjati jew li jittieħed ritratt ta’ wiċċek?
Jekk tirrifjuta li tipprovdi d-data bijometrika tiegħek, tiġi miċħud id-dħul fit-territorju tal-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES.
Min jista’ jaċċessa d-data personali tiegħek?
- L-awtoritajiet f’pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES bħall-awtoritajiet tal-fruntieri, tal-viża u tal-immigrazzjoni bl-għan li jivverifikaw l-identità tiegħek u jifhmu jekk għandekx titħalla tidħol jew toqgħod fit-territorju.
- L-Europol ukoll jista’ jaċċessa d-data tiegħek għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi.
- Taħt kundizzjonijiet stretti, id-data tiegħek tista’ tiġi ttrasferita lil pajjiż ieħor (fl-UE jew barra l-UE) jew organizzazzjoni internazzjonali (elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/2226 - organizzazzjoni tan-NU, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, jew il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar) għar-ritorn (l-Artikolu 41(1) u (2), u l-Artikolu 42) u/jew skopijiet ta’ infurzar tal-liġi (l-Artikolu 41(6)).
- It-trasportaturi se jkunu jistgħu jivverifikaw biss jekk id-detenturi tal-viża għal soġġorn qasir ikunux diġà użaw l-għadd ta’ daħliet awtorizzati mill-viża tagħhom, u mhux se jkunu jistgħu jaċċessaw aktar data personali.
Għal kemm żmien l-EES iżżomm id-data personali tiegħek?
Id-data tiegħek tinżamm biss fis-sistema għall-finijiet li għalihom tkun inġabret u għat-tul ta’ żmien speċifiċi deskritti fit-tabella ta’ hawn taħt.
Rekords ta’ dħul, ħruġ, u rifjuti ta’ dħul | 3 snin Li jibdew mid-data li fiha ġew irreġistrati |
Files individwali li fihom data personali | 3 snin u jum wieħed Li jibdew mid-data tal-aħħar ħruġ tiegħek jew rifjut tad-dħul tiegħek (jekk ma kellekx permess tidħol) |
Jekk ma jkun ġie rreġistrat l-ebda ħruġ | 5 snin Li jibdew mid-data ta’ skadenza tas-soġġorn awtorizzat tiegħek. |
Rekords ta’ dħul u ħruġ għal ċittadini mhux tal-UE li:
Jekk jogħġbok iċċekkja t-taqsima tal-FAQs għal eżempji prattiċi. | Sena Li tibda fid-data tal-ħolqien tar-rekord tal-ħruġ. |
Jekk ma jkun ġie rreġistrat l-ebda ħruġ u int:
| Id-data tiegħek mhux se tinżamm. Ma hemm ebda kalkolu tat-tul tas-soġġorn awtorizzat tiegħek. |
Id-data tiegħek titħassar awtomatikament wara li jiskadi kull perjodu ta’ żmien. |
Kif inhi protetta d-data tiegħek fl-EES?
Id-data li tinħażen fl-EES hija protetta mill-abbuż, peress li l-aċċess għaliha huwa ristrett għal staff speċifiku fi ħdan l-awtoritajiet nazzjonali.
Id-data tiegħek ma tistax tiġi ttrasferita lil partijiet terzi - kemm jekk entitajiet pubbliċi kif ukoll privati - ħlief f’ċerti każijiet. Ara Min jista’ jaċċessa d-data personali tiegħek.
L-ipproċessar kollu tad-data jsir mill-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES.
L-Aġenzija tal-UE għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) se tiżgura li l-EES titħaddem f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.
Barra minn hekk, hemm fis-seħħ salvagwardji b’saħħithom għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tad-data personali:
- bħala ċittadin mhux tal-UE li għaliha tapplika l-EES, għandek id-dritt li titlob aċċess għad-data tiegħek, jew li titlob ir-rettifika, il-mili jew it-tħassir ta’ data relatata miegħek fl-EES hawnhekk;
- l-EES hija sorveljata kemm mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll minn awtoritajiet superviżorji nazzjonali indipendenti f'kull pajjiż parteċipanti;
- l-EES ġiet żviluppata f’konformità mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku;
- konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u mar-regoli tal-protezzjoni tad-data tirrikjedi li teknoloġija u sistemi tal-informazzjoni jkunu ddisinjati sew u użati b’mod korrett.
Kif tiċċekkja l-jiem li fadallek fil-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES u x’jiġri jekk tibqa’ fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn?
Għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni mingħand l-uffiċjali tal-kontroll tal-passaport dwar it-tul massimu li jkun fadal tas-soġġorn awtorizzat tiegħek. Tista’ tikkonsulta wkoll l-għodda online jew permezz tat-tagħmir installat f’xi punti ta’ qsim tal-fruntiera.
Jekk tibqa’ għal żmien itwal minn dak permess, tiġi identifikat bħala “persuna li baqgħet fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn” u d-data tiegħek tiżdied awtomatikament ma’ lista. L-awtoritajiet bħall-uffiċjali tal-kontroll tal-passaporti, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni u l-istaff li joħorġu l-viżi għandhom aċċess għal din il-lista.
Jekk tiżdied mal-lista ta’ persuni li baqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn, jistgħu japplikaw konsegwenzi oħra skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fil-pajjiż Ewropew rispettiv li juża l-EES (eż. tista’ titneħħa mit-territorju; tista’ tkun soġġett għal multi amministrattivi jew detenzjoni; jista’ jkun li ma titħalliex terġa’ tidħol fl-UE fil-futur.)
Jekk, bħala persuna b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta, tipprovdi evidenza kredibbli lill-awtoritajiet kompetenti, bħall-awtoritajiet tal-fruntieri jew l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni, li qbiżt it-tul ta’ żmien awtorizzat minħabba ċirkostanzi imprevedibbli jew mitiganti (eż. rikoveru l-isptar minħabba korriment serju), id-data tiegħek tista’ tiġi emendata fis-sistema u tista’ titneħħa mil-lista.
Il-kalkolu tat-tul tas-soġġorn awtorizzat u l-ħolqien ta’ twissijiet lill-pajjiżi tal-UE li jużaw l-EES meta jkun skada s-soġġorn awtorizzat ma japplikawx għaċ-ċittadini mhux tal-UE li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE, taż-ŻEE jew tal-Iżvizzera li jivvjaġġaw lejn Stat ieħor li ma jkunx l-Istat tan-nazzjonalità tagħhom jew li diġà jirrisjedu fih, u qed jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ ċittadin tal-UE, taż-ŻEE jew Żvizzeri.
Xi drittijiet għandek fir-rigward tad-data personali tiegħek?
Għandek id-dritt li:
- Titlob aċċess għal data relatata miegħek mingħand il-kontrollur
- Titlob li tiġi kkoreġuta data mhux preċiża jew mhux kompluta
- Titlob li data personali li tikkonċernak ipproċessata illegalment titħassar u/jew titlob li data speċifika ma tiġix irreġistrata.
Biex teżerċita kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet, trid tikkuntattja kontrollur tad-data (eż. l-entità responsabbli għall-ipproċessar tad-data tiegħek) jew uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fi kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES, preferibbilment dawk li tkun ivvjaġġajt lejhom.
Tista’ ssib id-dettalji ta’ kuntatt rilevanti għall-pajjiżi Ewropej li jużaw l-EES.
Kif tista’ tagħmel ilment dwar id-data tiegħek?
It-tressiq ta’ lment ifisser li tissottometti talba formali għal valutazzjoni ġdida tad-drittijiet tiegħek tal-protezzjoni tad-data, pereżempju, jekk il-mistoqsija tiegħek lill-kontrollur tad-data biex taċċessa, tħassar jew temenda d-data tiegħek tiġi rrifjutata.
Tista’ tressaq ilment ma’:
- l-awtorità superviżorja tal-pajjiż Ewropew li juża l-EES responsabbli għall-ipproċessar tad-data tiegħek (eż. jekk temmen li l-pajjiż irreġistra d-data tiegħek b’mod skorrett)
- il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għal kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data mill-Aġenziji Ewropej, pereżempju:
- il-Frontex: l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta li tospita l-unità ċentrali li topera s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) rilevanti għaċ-ċittadini mhux tal-UE eżentati mill-viża
- l-Aġenzija tal-UE għall-Immaniġġar Operazzjonali tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja (eu-LISA): l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea li, permezz tat-teknoloġija, tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi tal-UE għal Ewropa aktar sikura
- l-Europol: l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Infurzar tal-Liġi li għandha l-għan li tikseb Ewropa aktar sikura għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha.
Nota ta’ qiegħ il-paġna: Is-Servizz kondiviż ta’ Tqabbil Bijometriku (sBMS) se jaħżen mudelli bijometriċi (li huma rappreżentazzjoni matematika tad-data bijometrika maħżuna fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, l-EES u sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE) li jippermettu tfittxijiet b’data bijometrika. L-EES se tuża l-sBMS għall-interoperabbiltà tagħha mal-VIS.